ONE.COM.MT • L-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia fetħilha kontra l-establishment tal-Partit Nazzjonalista li sena ilu rnexxielu jqaċċtu minn Kap.
Dan f’intervista mal-gazzetta MaltaToday.
F’intervista fejn spara kemm felaħ lejn dawk li qatt ma aċċettawh fil-Partit, Delia saħansitra jitkellem dwar Bernard Grech u kif dan tpoġġa Kap, possibilment bħala kompromess mal-establishment tal-Partit Nazzjonalista.
KITBA: SAMUEL LUCAS
FILMAT: ARKIVJI
“Il-Partit Nazzjonalista ma ċċaqlaqx ’il quddiem u dak li verament jimporta.”
Dan kien il-kliem li għażel juża l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista li kellu mal-MaltaToday, sena wara li tneħħa minn Kap tal-Partit Nazzjonalista.
F’intervista mimlija botti lejn it-tmexxija attwali tal-establishment li qaċċtitu mit-tmexxija, Adrian Delia kien mistoqsi dwar l-aħħar stħarriġ tal-istess gazzetta li juri kif il-Partit Nazzjonalista mhux jagħmel progress mal-elettorat.
Raġuni ewlenija għaliex huwa nnifsu kien tqaċċat minn Kap.
Adrian Delia b’mod skjett mal-MaltaToday qal li l-Partit ma ċċaqlaqx ’il quddiem u dak li verament jgħodd.
Skont Delia, ir-raġuni wara dan hija l-fatt li sa issa l-Partit Nazzjonalista għadu jħaddan mentalità antika flok ikun umli.
Filwaqt li Delia, bħala kandidat Nazzjonalista qagħad attent li ma jattakkax direttament lil Bernard Grech, huwa aċċenna għat-trattament tiegħu meta kien fit-tmexxija u kif din ġabet magħha skumdità ma’ tal-qalba.
Dan sempliċiment għax skontu ma kienx wieħed mill-uċuħ l-antiki.
B’riżultat ta’ dan, Delia b’referenza għal Bernard Grech, tenna li l-establishment spiċċa għażel xi ħadd minn barra madankollu li huwa aktar aċċettabbli għall-establishment.
Saħansitra jgħid li dan sar wara li possibiltment inħema kompromess bejn Grech u l-establishment.
Hawnhekk Delia kompla jiftħilha fil-konfront tal-establishment tal-Partit Nazzjonalista li ma ħallewhx jaħdem għal terminu sħiħ.
Fil-fatt Delia hawn irrefera għall-partitarji Nazzjonalisti li vvutawlu sabiex imexxi lill-Partit Nazzjonalista.
Fi kliemu stess huwa jiddekrivihom bħala traduti.
Dan hekk kif jgħid li huma ma eleġġewx Kap għal sentejn jew tlieta iżda għal terminu sħiħ u għalhekk illum huma mweġġgħin.